Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna
Mill-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja u l-imblokk tal-portijiet marittimi Ukreni, l-Ukrajna ma setgħetx tesporta l-produzzjoni tagħha lejn destinazzjonijiet madwar id-dinja permezz tar-rotot tas-soltu. Din is-sitwazzjoni thedded is-sigurtà globali tal-ikel; hemm bżonn urġenti ta’ rotot alternattivi.
Bħala parti mir-rispons ta’ solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Korsiji ta’ Solidarjetà, biex tgħin lill-Ukrajna tesporta l-produzzjoni tagħha permezz tal-ferroviji, tat-toroq u tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Minn Awwissu ’l hawn, l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali nnegozjata min-NU, ippermettiet esportazzjonijiet addizzjonali taċ-ċereali permezz ta’ rotot marittimi.
Illum, il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna saru vitali għall-ekonomija tal-Ukrajna. Minbarra t-trasport taċ-ċereali, bħalissa dawn huma l-unika għażla għall-Ukrajna biex tesporta l-prodotti mhux agrikoli kollha tagħha lejn il-bqija tad-dinja, u biex timporta dak li teħtieġ, bħall-fjuwil u l-assistenza umanitarja.
Aktar informazzjoni
Skeda Informattiva: Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna